Membri – Malcolm Bonnici (kant u kitarra), Antonio Olivari (kitarra), Matthew Agius (baxx) u Mark Andrew Azzopardi (tnabar)

Dwar – MISTURA bdejna bħala ħbieb li ltaqgħu madwar disa’ snin ilu u li baqgħu jdoqqu flimkien u jikkollaboraw fi proġetti differenti. Meta Antonio kiteb kanzunetta bil-Malti kellem lil Malcolm u minn hemm beda d-duo MISTURA.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn imbagħad qlibna minn duo akustiku għal grupp rock elettriku u għaldaqstant il-familja 10734081_861485690585889_7983511912312841955_nMISTURA kibret b’numru mdaqqas ta’ mużiċisti li lkoll isaħħu ’l-grupp bil-karattru differenti tagħhom. Għandna lil Matthew Agius fuq il-baxx u Mark Andrew Azzopardi fuq it-tnabar – żewġ mużiċisti li tieħu pjaċir iddoqq magħhom għaliex jafu x’qegħdin jagħmlu u anki jagħtu l-kulur partikolari tal-istil tagħhom fil-mod kif idoqqu.

Il-kanzunetti li ħriġna s’issa huma kwazi kollha fl-uniku album li ppubblikajna s’issa li jismu ‘U d-Dinja Tkompli Ddur’. Il-kanzunetti huma kollha kemm huma oriġinali u bil-Malti.

Huwa forma ta’ mistura r-rwol tal-mużika u l-arti f’soċjetà marida?

Il-mużika inġenerali nħossu li iva, hija mistura għall-hajja. Kultant ħelwa li tnessik il-problemi u kultant morra u bil-kimiċi xierqa sabiex tgħinek tifhem iktar x’inhuma l-problemi billi taħseb fuqhom u tgħinek, anki parzjalment, biex tfejjaqhom.

Dwar is-sett tagħkom waqt Kotra:

Ser indoqqu għall-ewwel darba xi kanzunetti mill-album il-ġdid li bħalissa għaddejjin naħdmu fuqu, flimkien ma’ wħud mill-kanzunetti tagħna li nisperaw li issa saru ftit iktar familjari. Ser ninkludu wkoll xi waħda mhux tagħna li togħġobna (ovvjament bil-Malti wkoll).

Mistura se jdoqqu f’Kotra ta’ din is-sena nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu fid-9pm, ir-Razzett l-Aħmar.

Author: Janica Spiteri

Related Posts